News

L-industrija tas-sigurtà privata f’pajjiżna: Impjiegi prekarji u sfruttament tal-ħaddiema – Cory Greenland, GWU

Is-Segretarju tat-Taqsima Pro­fessjonisti, Finanzi u Servizzi tal-GWU, Cory Greenland wera t-tħassib tiegħu għall-fatt li s-settur tas-sigurtà privata f’pajjiżna huwa l-aktar settur fejn hemm impjiegi pre­karji u fejn qiegħed isir sfruttament tal-ħaddiema.


Meta kien qiegħed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet, Cory Greenland qal li l-industrija qiegħda ssir waħda pre­karja għax hija bbażata prinċipalment fuq it-‘tendering’ u l-‘out-sourcing’. Dan is-settur tas-sigurtà jinkludi dawk il-kum­paniji tas-sigurtà privati li jimpjegaw uffiċjali tas-sigur­tà, mhux dawk taċ-ċivil. Minn dawn hemm bejn erbgħa jew ħames kumpaniji ewlenin li jimpjegaw madwar 1,500 persuna fuq bażi fultajm bejniet­hom, iżda mbagħad hemm ukoll dawk il-kumpaniji żgħar li jħaddmu numru żgħir ta’ uf­fiċjali tas-sigurtà.

 

Is-Segretarju tat-Taqsima qal li l-problema hija li ħafna drabi l-ħaddiema mhumiex qegħdin jiġu reġistrati bħala ħaddiema fultajm, iżda bħala partajm ma’ diversi kumpaniji tal-istess sid, u dan biex ma jingħatawx il-benefiċċji li huma obbligati għalihom ħad­diema fultajm.

Huwa qal li kull kumpanija, anke jekk tkun imsieħba ma’ unjin, li tkun qiegħda tiddiskuti x’kundizzjonijiet qiegħda toffri, ma tkun tista’ tinnegoz­ja ebda titjib ħlief il-minimu tal-liġi, jekk mhux agħar, għax trid tikkompeti mal-ope­raturi l-oħrajn.

Spjega li jekk il-kumpanija tkun dieħla għal xi tender kbir u tkun qiegħda tiddiskuti mal-unjin x’kundizzjonijiet se jkunu offruti lill-ħaddiema, l-unjin ikollha diffikultà li pe­ress li l-kompetizzjoni hija wkoll fuq il-pagi, li mhumiex separati mill-kundizzjonijiet tat-tender, il-kumpanija tinqa­bad f’sitwazzjoni fejn jekk tgħolli wisq, tista’ titlef it-tender u l-ħaddiema jispiċċaw mingħajr impjieg.

Dan ma jinkludix kumpa­niji bħal bank, fejn l-uffiċjali tas-sigurtà huma ħaddiema tiegħu u l-kundizzjonijiet iku­nu bħal tal-ħaddiema l-oħ­rajn. Ħafna kumpaniji, żied jis­pjega Greenland, joħorġu tenders biex jingaġġaw uffiċjali tas-sigurtà mal-bini tagħ­hom, fejn normalment jirbaħ l-irħas wieħed u peress li l-impjegati ma jkunux ħaddiema tal-kumpanija, il-proprjetarju ma jagħtix kas x’kundizz­jonijiet għandhom.

“Dan huwa mod faċli biex wieħed jevita l-amministrazzjoni, jiffranka l-flus u jkollu effiċjenza ikbar,” żied jgħid is-Segretarju. “Huwa tajjeb li tipp­rova tfittex l-effiċjenza, iżda min-naħa l-oħra huwa l-ħaddiem li jmur l-iżjed minn taħt.

Huwa qal li hemm bżonn li l-liġi tidħol iżjed fid-dettall biex tirregola iżjed u tevita ċer­ti ‘loop-holes’. It-tort mhu ta’ ħadd, iżda hemm bżonn sforz kollettiv għax il-liġi mhijiex riġida biżżejjed biex telimina dawn it-tip ta’ abbużi. Hemm ukoll nuqqas ta’ direzzjoni mid-Dipartiment tax-Xogħol. Greenland qal li kieku t-‘tendering’ u l-‘out-sourcing’ huma kkontrollati b’mod aħjar, ħafna mill-problemi u ab­bużi jiġu eliminati.

Fost it-tip ta’ abbużi, hemm dawk fejn is-sahra tal-ħaddiema ma teżistix wara li jinqabżu l-40 siegħa. Dan minħabba li l-proprjetarju jniżżel lill-ħaddiema taħt kumpaniji differen­ti. Min-naħa tagħhom, il-ħaddiema ma tantx jistgħu jilmentaw, speċjalment jekk jit­ħallsu bil-paga minima u meta jiċċekkjaw mad-Dipartiment tax-Xogħol jgħidulhom li sfortunatament, din hija legali.

Greenland semma wkoll każi fejn ħaddiema jiġu mġegħ­lin iħallsu meta jirċievu xi taħriġ.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-President tat-Taqsima Charles Galea li qal li dan huwa ċirku vizzjuż li qiegħed iseħħ ukoll f’setturi oħrajn. Qal li anke jekk liġi ġdida hija tajba, li qiegħed jiġri hu li tinstab triq oħra minn fejn wieħed jista’ jgħaddi u s-sitwazzjoni tiġi agħar milli kienet qabel.